1.12.09

158

Hawnhekk jien biss numru-
xejn anqas u xejn aktar.

Jien numru ngastat f’moħħ il-fidili
li hemm jiġru mas-saqajn,
niżlin u tilgħajn, f’toroq il-belt
b’bagalja tal-ġild f’id
u mobajl fl-id l-oħra.
Jien numru ngastat f’moħħ dawk
li fil-karnival ‘kuljum preċett’ jilbsu
ġiġaġa bajda silġ friżat
u għal kull għax għandhom imma.
Jien numru ingastat f’moħħ ommok,
li mindu beżqitek qatt m’għallmitek
li aħna nies tad-demm u l-laħam, ukoll.

U forsi m’aħniex, ukoll! (c)

30.11.09

Spekulazzjonijiet

3 ta’ Frar 2009, 8.oopm, 5, Triq il-Berquq, Malta

Fuq l-aħbarijiet baħħ.

Semgħu biss l-ġirien
u ġriet mar-raħal kollu
jismu Malta.

Qalu li kien għajjien.
Qalu li n-nifs ma taħx.
Qalu li siker għalxejn.
Qalu li marradi...miskin!


4 ta’ Frar 2009, 9.00am, Mater Dei, Malta

Għall-awtopsja fuq il-katavru
il-ġirien ma kinux hemm.
Semgħu biss il-qraba.

Metwa rari ħafna, qalu.
Miet bit-tpatpit u z-zekzik, qalu. (c)

Meta taqra dan il-kliem...

Meta taqra dan il-kliem
u tintebaħ li maħsub għalik
tħalli ’l ħadd jinduna bih.

Israq l-ittri.
Dewwibhom f’petali.
U ħallihom itiru mar-riħ.

Imbagħad niġru warajhom
b’qalbna ħajdrolik għarqan
u ngħaqqdu l-isbaħ bukkett ward. (c)

28.11.09

Illejla erġajt rajtek

Illejla erġajt rajtek.
Ftaħt il-kTIEB iMQADDES (2007)
mikul bis-susa
u erġajt rajtek.

Bqajt l-istess:
Il-widnejn ta’ ħmar ma rasek ma tħarrkux.
“...jixirqulek tafx...”
L-imnieħer ta’ buffu għadu jixgħel.
“...donnu bozza tas-sittin...”
In-nuċċali qiegħ-ta’-flixkun ma xxaqqaqx.
“...sellfu lil Potter...”

Int fuq il-paġna-
chewing gum imtertaq imwaħħal
mal-konfessjonarju ta' qalbi.
Jien fuq il-pultruna-
iċ-Ċuċ li darba fdajtek. (c)

the show must go on


13.11.09

13.10.89- 10.04.09

13.10.89

L-imrieżaq tax-xemx
stidnuni għal jum ieħor-
dakinhar.
Rajt li l-vażun mhux skuntrat,
il-fann mhux żlugat
u ’l barra ħrabt.

Meta niġi lura nsibek
tistennieni bil-minestra sħuna sħuna,
tghidli, din ghalik,
għamiltha appost‘ għalik.


10.04.09

Illum nibki fuq soddtok
tal-konkrit staġnat
ma’ kaxxa msammra
f’qiegħ l-art.

Nixtieq nerġa’ narak:
Inxomm xagħrek ifuħ.
Nillimalek dufrejk.
Nizbogħhomlok jekk tkun trid.
Niżfnu t-techno u nirfsu l-xulxin.
Nitbellħu llum u għal-lum
u int titbissem.

Tbissimt,
sa mal-pajpijiet u l-wires u r-riħa
taqsam ta’ morda skantati ħonquk.

Għada, illum isir il-bieraħ
u nkomplu sejrin hekk.
Forsi nerġa' narak...
meta jibku fuq soddti
tal-konkrit staġnat
ma’ kaxxa msammra
f’qiegħ l-art. (c)

10.11.09

12.00am

Fid-dlam maqtugħ minn beraq abjad
u r-ritmi tat-tnabar Rumani
konna jien u hi
u ħafna oħrajn.

L-ilma mimli sriep velenużi
iddardar ġol-ħofra minsija
li rfist fiha fid-dlam
bla ma ntbaħt.
Hi wkoll.

Meta ntbaħt:
intlift naħseb fuq
il-films ta’ Hollywood u d-Daily Mail.
Għidt forsi “dak li joħolmu bil-lejl
iqumu jiktbuh filgħodu”.

Meta ntebħet:
żifnet quddiem Erodi
u tatu pjaċir.
Ġrajjiethom saru film ta’ Hollywood
u artiklu fid-Daily Mail. (c)

3.11.09

Ħajku 5

Taħt gallerija
jistqarr imħabbtu lejha.
Statwa taflija. (c)


Ħajku 6

Idejn imkemmxa.
Waħda fl-oħra msallbin.
Imħabba ġdida. (c)

Ħajku 3

Friefet fuq fjura.
Itiru hienja ‘l fuq-
hekk imħabbitna. (c)

Ħajku 4

Fl-għaxra tbissmitli.
Fil-ħdax f’ghadira demm.
Għalxejn żverġnaha. (c)

Ħajku 1

Karnival int.
Ma tieqaf qatt iddaħħaq.
‘sa miet missierek. (c)

Ħajku 2

Triqatek dalma.
Id-dawl misruq f’imkien
ilu hemm sekli. (c)

L-istaġuni tiegħek

ir-rebbiegħa
Wiċċek roża kien qisu
warda f’id ħuttab
imxennqa għal dak li jmiss.
Il-bewsa erfajta fl-investa.
Bżajt li ntebbagħlek wiċċek
u ma jinħasilx bis-sapun.
Għada nerġa’ ngħaddi.
Issajjarx.
Niekol minn tal-lum.
Inżidlu ftit petali tal-peprin
u ponn weraq tal-ġilji.

is-sajf
L-iskrun tal-fann imkisser
jitfa’ riħ imqanżaħ
u nħossni rrid naqla’.
Imma ma nitkellimx.
Mill-kmiem imxammra gozz
u wiċċek għarqan xraba
ninduna x’qed tħoss.
Imma ma nitkellimx.

il-ħarifa
Illejla nieħdok dawra.
U wara nieqfu għall-kafè.
Sħun ikun tibżax.
Tibżax.
Ir-riħa tiegħu-
ta’ nċens ifuħ.
L-ilma tiegħu-
imbierek.

ix-xitwa
Illum għall-ewwel darba
niżel is-silġ.
Mhux ftit ilma friżat
fi blalen żgħar.
Imma silġ.
Rajtu nieżel minn bejn xufftejk vjola,
ma jitħarrkux.
Lanqas għal darba oħra.
Lanqas f’elf mitt sena.(c)

Delitt numru 77

Ċass il-ħin
fuq l-arloġġ tad-destin.
Itektek bil-mod sakemm
tasal is-siegħa solitarja
li bħal minġel frustrat
taħsad kull frott mizrugħ.

Jinstema' l-eku bla diwi
fil-bogħod
li jispiċċa fix-xejn.
U l-bikja tibqa' maħnuqa
bla qatt ma tfieq.
U magħha ma tfiqx
il-pjaga tat-telfa.

Il-poplu-maġistrat bil-martell:
jaqta' s-sentenza ħesrem.
Fuq il-bank tal-ikkundannati-
l-omm.
Fis-sema-
it-tarbija. (c)

1.11.09

Ode lil Mara

Qalli jibnili dar timxi fuq l-ilma.
Jibniha bil-ħelu, bil-frawli ħamran
minn tal-ħrejjef, leġġendi u ġrajjiet,
minn tas-sema mimli b’ħlewwiet.
Fis-skiet fis-skiet.
Qalli nitimgħek il-benna, tjubija.
Intiru ferħana fejn l-hena dejjiema
ħfief ħfief fuq tajjar is-smewwiet,
kelmiet b’fomm il-għana għas-skiet.
Sħan il-bewsiet.
Qalli ejj’ niżfnu t-tango mexxej
f’għar ħiemed fejn ħadd u fejn xej’
ma jwaqqaf ir-ritmu, it-tektik,
ma jwaqqaf il-pass tad-destin
tagħna t-tnej’.
U għaraft illi l-ħolma spiċċat.
Żverġnani u fellilli ġismi b’weġgħat.
Sqieni l-ilma demgħat miksurin.
Għerriqni fil-baħħ ta’ bla tmiem.
Ksieni b’frugħat. (c)

L-Aħħar Korda

Fuq saqqu għajjien l-aħħar nifs,
l-aħħar għafsa.


It-twerżiq sfond bħal eku fil-bogħod.


L-aħħar demgħa
belgħ' ilma f’deżert niexef.


Is-skiet- ħoss idamdam sod sod.


Imbagħad il-mistoqsija-
għaliex jien Mulej?


U l-baħħ jerġa’ jimraħ bejn l-erba’ ħitan.


Xtaqt demm ieħor f’ħajti,
issa spiċċa fix-xej’.


L-aħħar korda- jien- f’kitarra t’għannej. (c)

Ebony u Ivory

Suwed, il-kliem li għidt qabel ma tlaqt-

bħal bżar li jinżel f’xita

fuq platt minn tad-dota

li tfarrak mal-ħajt

mimli graffiti.


Għajnejja fil-ħofra

għax tgħallimt nibki-

tgħallimt li l-ward

ma jikbirx fir-rawndebawts.

-----

Bojod, it-tulipani li rċevejt illejla-

bħal karti żgħar b’messaġġi t’imħabba

fuq sodditna sħuna

li tkennina t-tnejn

f’iljieli xitwin.


Għajnejja jixegħlu

għax erġajt ħabbejt-

tgħallimt li wara l-ħalel

il-baħar żejt isir.

-----

Ħajti arpeġġ.

Tindaqq fuq pjanu

li tgħallem in-noti

bla manuskritt. (c)

ittre@mama.com

Lil: mama
Mingħand: bintek

Ismagħha ma, din l-għanja
hi u ttir minn dan il-fomm
għadu żgħir u bla forma
‘żda tgħallem kif idomm
xi erba’ kelmiet sewwa
maħsub’ għalik għalik.
Ħabbejtek jien minn dejjem
minn meta ġejt ġo fik
naf ma, li inti thobbni
sew sewwa kif taf int
ħassejtni ’sa ġo żaqqek?
naħseb li s’issa fhimt.
Ġo ġufek hemm ‘jien’żgħira
li għad trid tikber ftit
’ma meta tikber sewwa
ġo ħdanek hi tkun trid
li toqgħod hemm għas-sħana
imkenna mill-irjieħ
l-irjieħ tal-qirda kiefra
li jaħkmu f’waqt il-ksieħ.


Lil: /
Mingħand: Amara

Illejla neħles minnek. Narmik mal-qxur u l-laned. Illejla iskot kwieta. Jien nerġa’ bħal kif qabel. (c)

Kuluri

Naf li l-kannella ma jaqbilx

mal-aħmar.

Imma llum hekk ilbist.

Forsi jgħaddi Versace u jarani

u ħwejġi jsiru moda.

Jingħoġbu fl-armaturi.

Jew forsi, int ma tagħrafx il-kuluri

u għalxejn ilbist sabiħ.(c)

no exit

din qalbi-

koċċ laħam u demm-

jinfidha s-sejf tiegħek.


ħarstek toqtolni

bla ma tħarisli.

kliemek, bżieq moħli

imweħħel mal-perlini

bejn snienek foloz.


l-io capisco,

mitlufa fil-baħħ

ta’ laħmi u demmi,

f’labirint “no exit”

ta’ vini u għadam

li ilu li tqadded is-snin. (c)

Min qallek...

Min qallek li għada x-xemx ser titqalleb
mad-dinja taħt il-friex sħun
ta’ ħżunitek? Ma
tafx li Alla jista’
jfaqqa’
subajh u
kollox
jieqaf? (c)

ilhajtatalsienek

Il-ħajta ta' lsienek

qed tperper mar-riħ.

Tinqata', kif tinżel is-sikkina

fuq sidrek

u għajnejk jibku dmugħ

tal-pitrolju skadut.


PS. imbagħad tiġix tgħidli għax m'avżajtekx (c)

порно

Ġbinek imfellel

bir-rubin skarnat imżelleġ

mal-порно ingastat f’moħħok

qed jerħi riħa ta’ ganfra

u demel

li rfist il-bieraħ.



Meta tinħasel ċempilli.

Qed nistenniek. (c)

Illejla meta jidlam

Illejla meta jidlam
inkun qed nistenniek.
Ngħidlek biss kelma waħda
u għożża tul it-triq.
Attent ma tmurx titlifha,
taqgħlek u ttir mar-riħ
għax ħliefha m’għandix.

Illejla meta jidlam
miegħek iġġib xejn.
Ejja inti.
Waħdek.
Għidli x’kilt u x’rajt.
Jien ngħidlek kelma waħda biss...

...biss jekk fommi jintebaq
(kif sar jiġrili spiss)
u ninbela’ x’ħin narak,
aqra dan li ktibtlek
(bi żrara fuq il-ħajt)
u tifhem xi rrid ngħid. (c)